- Wirja: Ir-Riunifikazzjoni tal-Ġermanja
- Ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew fuq is-sitwazzjoni fil-Ġermanja mifruda matul il-Gwerra Bierda
Bejn is-snin sittin u s-snin tmenin, il-Parlament Ewropew kemm-il darba impenja ruħu għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fid-dinja, b'mod partikolari fil-pajjiżi li kienu jinsabu wara l-Purtiera tal-Ħadid. Permezz ta' dibattiti, teħid ta' pożizzjonijiet, riżoluzzjonijiet, mistoqsijiet orali u bil-miktub imressqa mill-membri tiegħu, missjonijiet ta' tiftix tal-fatti, delegazzjonijiet jew seduti pubbliċi, il-Parlament ipprova jiġbed l-attenzjoni tal-opinjoni pubblika u tal-midja lejn dawn l-isfidi.
Imbagħad f'Ottubru 1964, sabiex jiġi kommemorat l-anniversarju tat-teħid tal-popolazzjoni ta' Berlin tal-Lvant u taż-żona ta' okkupazzjoni sovjetika kontra "is-servitù u d-dittatura", il-President Jean Duvieusart ma qagħadx lura milli juri s-simpatija tal-Parlament għad-destin tal-poplu Ġermaniż. Huwa għamel dan billi qal hekk : "Jekk il-Ġermaniżi jiġġieldu għad-dritt li jkollhom rajhom f'idejhom u biex jerġgħu jingħaqdu fl-għaqda u l-libertà, jekk ħafna minnhom issagrifikaw ħajjithom biex jagħmlu dan, aħna min-naħa tagħna qatt m'aħna se nieqfu minn ħidmietna biex niġġieldu ħalli nġibu fid-dinja r-reġim tal-libertà".
Il-firma tal-Att Finali tal-Konferenza ta' Helsinki dwar is-sigurtà u l-kooperazzjoni fl-Ewropa f'Awwissu 1975 ispirat ukoll it-teħid ta' pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Huwa fakkar l-impenji li ttieħdu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-kuntatti bejn il-persuni u r-riunifikazzjonijiet ta' familji separati sa minn meta nbena l-Ħajt ta' Berlin. B'hekk, fl-1977, direttament mitlub minn ċittadini tal-Ġermanja tal-Lvant li kienu ġew miċħuda sistematikament milli jemigraw lejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex jingħaqdu mal-membri tal-familja tagħhom, il-Parlament Ewropew insista mal-awtoritajiet tal-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja biex iwettqu l-obbligi internazzjonali li kienu marbuta jwettqu. Il-kwistjoni tal-priġunieri politiċi u l-adozzjoni ta' liġijiet ripressivi fir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja kienu wkoll is-suġġett ta' diversi interpellazzjonijiet min-naħa tal-MPE.