- Wirja: Ir-Riunifikazzjoni tal-Ġermanja
- Helmut Kohl u François Mitterrand esprimew ruħhom quddiem il-Parlament Ewropew
Xewqana li jsellmu lill-mixja tal-libertà 'l quddiem fl-Ewropa u li jikkummentaw fuq il-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin u r-riperkussjonijiet ġeopolitiċi tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Enrique Barón Crespo stieden f'daqqa lill-kanċillier Ġermaniż Helmut Kohl u lill-President Franċiż François Mitterrand, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kunsill Ewropew, biex jindirizzaw lill-MPE fi Strasburgu.
Fit-22 ta' Novembru 1989, fil-preżenza tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jacques Delors, Helmut Kohl u François Mitterrand fi Strasburgu esponew il-viżjoni tagħhom tal-avvenimenti li kienu ġraw reċentement f'Berlin u fil-Lvant tal-Ewropa. Il-mument kien wieħed storiku u mimli emozzjoni. It-tnejn li huma mill-ġdid sostnew ir-rieda tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-gvern tat-tnax-il Stat Membru li jappoġġaw il-moviment ta' riformi demokratiċi f'din il-parti tal-Ewropa. Konvinti li s-suċċess tal-Komunità Ewropea serva bħala referenza u stimolu għall-avvenimenti riċenti li ġraw fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, huma insistew fuq il-ħtieġa, għall-Komunità, li jsaħħu l-istrutturi interni u jintroduċu mezzi ġodda biex tkun tista' tikber. Fil-fatt, il-Parlament Ewropew huwa l-ewwel istituzzjoni komunitarja li evokat b'mod miftuħ riunifikazzjoni possibbli tal-Ġermanja u l-perspettiva ta' adeżjoni tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għall-Komunità Ewropea. L-implikazzjonijiet fuq il-politika barranija u s-sigurtà, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-fruntieri tal-Lvant tal-Ġermanja, għaldaqstant ma ġewx traskurati.