- Wirja: Ir-Riunifikazzjoni tal-Ġermanja
- Il-bini tal-Ħajt ta' Berlin
Simbolu tal-firda fl-Ewropa, il-Ħajt ta' Berlin inbena f'Awwissu 1961 mir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja biex jitrażżan il-ħruġ kbir ta' abitanti minn Berlin tal-Lvant lejn Berlin tal-Punent. Il-"Ħajt tal-Għajb", kif kien sar magħruf dak iż-żmien fil-Punent, ried jiżola u jissiġilla ż-żewġ partijiet tal-belt. Maħsub bħala apparat militari b'postijiet ta' osservazzjoni u searchlights, u mdawwar bil-barbed wire, dan il-ħajt traduċa f'xi ħaġa materjali l-inkapaċità tal-Punent u tas-Sovjetiċi biex isolvu l-kwistjoni ta' Berlin u jtemmu t-Tieni Gwerra Dinjija permezz ta' trattat ta' paċi. Ir-reazzjoni tal-Assemblea Parlamentari Ewropea kienet għalhekk immedjata.
Fl-10 u l-11 ta' Ottubru 1961, il-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi tal-Assemblea simbolikament iltaqa' f'Berlin tal-Punent. Fil-fatt, avolja ma kellhomx il-mezzi biex jintervjenu direttament u jwaqqfu l-bini tal-ħajt, il-membri ftehmu biex jagħtu xhieda tas-solidarjetà tal-Komunità Ewropea mal-popolazzjoni ta' Berlin. Il-President Hans Furler għamel dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni f'Berlin fuq il-post, sitwazzjoni li ġiet proklamata bħala "is-simbolu tal-Ewropa ħielsa". Ġimgħa wara, l-Assemblea ddedikat dibattitu pubbliku f'sessjoni plenarja għall-kwistjoni ta' Berlin. Waqt dan id-dibattitu, il-parteċipanti kollha esprimew unanimità biex jipprotestaw kontra l-bini tal-ħajt u ddenunzjaw il-ksur tal-libertà mir-reġim tal-Ġermanja tal-Lvant.
Walter Hallstein, bħala l-President tal-Kummissjoni tal-Komunità Ekonomika Ewropea, kien preżenti għad-dibattiti u anki hu appoġġa l-isforzi tal-Assemblea Parlamentari Ewropea biex tikkundanna l-avvenimenti li ġraw f'Berlin tal-Lvant.